
Kulleġġ San Injazju
Skola Primarja Ħaż-Żebbuġ


Tniġġiż tal-Baħar
Matul dawn is-sentejn li ġejjin (2018-2020) l-iskola se taħdem fuq il-proġett Marine Pollution, jew kif insibuħ bil-Malti Tniġġiż tal-Baħar. Għażilna dit-tema bil-għan li nqajmu kuxjenza dwar it-tniġġiż li jintrema jew li qed jispiċċa fil-baħar bil-konsegwenza li jħammeġ u jagħmel ħafna ħsara lill-ħlejjaq li jgħixu fih. Ninsabu fiċ-ċentru ta’ sfidi globali, primarjament minħabba l-użu tal-plastik, li qed tiffaċċja l-popolazzjoni fid-dinja tal-lum u l-mod kif qed ngħixu aħna jista’ jħalli impatt pożittiv jew negattiv fuq l-ambjent.
Bdejna bili għamilna l-Awditjar fejn il-ġenituri imlew kwestjonarju onlajn. Fih ipparteċipaw 100 ġenitur (1/5 tal-popolazzjoni). L-istudenti ipparteċipaw ukoll: mill-1 sat-3 sena imlew ħendawt, filfaqt li l-istudenti mir-4 sas-6 sena imlewh onlajn (103 partrċipanti).
Morning Assembly
Waqt l-Special Assembly, l-istudenti tal-4.3 qasmu ma' sħabhom informazzjoni interessanti dwar l-Oċeani.
Fosthom semmew kemm hemm oċeani, il-medda ta' kull oċean, x'għandhom speċjali u xi speċi ta' annimali jgħixu f'kull oċean. Huma evidenzjaw l-importanza li nżommu l-ambjent nadif sabiex l-iskart ma jinġarx mal-ilma tax-xita u jispiċċa fil-baħar.
Wara l-preżentazzjoni l-istudenti żifnu żewġ kanzunetti relatati mat-tema tal-oċeani - Deep Deep u Deep u Baby Shark.
Morning Assembly
It-tfal tal-1.1 Tigers għamlu proġett mal-iskola kollha biex iqajmu għarfien ta’ kemm jagħmel ħsara il-plastik. Għal dan il-għan il-klassi 1.1 ħasbet biex jaħdmu fuq proġett fejn kull tifel u tifla fl-iskola jkollhom reusable straw. L-istraws tal-plastik jagħmlu ħafna ħsara. Bħala skola diġà ppurvajna nnaqsu billi qed nużaw straws tal-karti. Però dawn mhux dejjem iservu eż: biex jixorbu l-ħalib mill-kartuna l-iskola.
Dawn l-istraws li qed nipproponu huma sodi u jiġu bi xkupilja magħhom biex inkunu nistgħu naħsluhom sew ladarba jużawhom. It-tfal tal-klassi 1.1 daru l-klassijiet biex iħeġġu lit-tfal tal-iskola jakkwistaw din ir-reusable straw. Kien hemm konkorrenza qawwija mill-klassijiet.
* Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-islide show.
* Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-power point.
Morning Assembly
Fis-17 ta' Mejju 2019, it-tfal tal-1.2 għamlu Morning Assembly bit-Titlu It-tniġġis tal- baħar.
Bdejna l-attività fil-klassi billi t-tfal taw l-idejat tagħhom fuq x’jifhmu bit-tniġġis tal-baħar. Komplejna bi flipchart fuq il-bord interattiv.


X’insibu f’qiegħ il-baħar? Il-basktijiet u l- fliexken tal-plastik, il-bottijiet tal-landa, hu posthom f’qiegħ il-baħar? Il-bniedem qed juża l-baħar daqs li kieku xi barmil kbir tal-iskart?
Xi jħobbu jieklu l-ħut u l-fkieren? Dawn, kemm-il darba jieklu oġġetti tal-plastik, speċjalment basktijiet, li jaħsbuhom ikel. Fhimna li jekk il-bniedem mhux se jieħu ħsieb aħjar il-baħar ta’ madwaru, ħafna speċi ta’ kreaturi tal-baħar se jiġu estinti. Issa li sirna iktar infurmati fuq it-tniġġis tal-baħar, x’nistgħu nagħmlu biex ma nkomplux aħna wkoll inniġġsu l-ibħra tagħna? Innaqqsu, nerġgħu nużaw u nirriċiklaw il-plastik.

Għalaqna t-tema tat-tniġġis tal-baħar billi l-istudenti tellgħu Special Assembly fuq is-suġġett sabiex naqsmu dak li tgħallimna mal-kumplament tal-iskola. Sibna ukoll kanzunetta marnuta mat-tema, li tispjega l-ideat tagħna b'mod ċar ħafna.
* Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-islide show.
Inżommu lid-Dinja Ferħana! - Kinder 1.10
F’din l-attività tkelllimna flimkien dwar x'nistgħu nagħmlu biex ngħixu f'Dinja aħjar u dwar l-affarijiet li m'għandniex nagħmlu peress li qed issir ħafna ħsara lill-ambjent.
Waqt din l-attività t-tfal tgħallmu li
-
nistgħu nagħtu xi affarijiet li m'għadniex nużaw lil ħaddieħor bħall-ħwejjeġ, ġugarelli u kotba.
-
m'għandniex inħallu ilma jinħela u nitfu d-dawl jekk ma nkunux fil-kamra.
-
għandna nieklu l-ikel kollu u ma narmux.
-
huwa importanti li nirriċiklaw. Iddiskutejna l-importanza ta’ kif nistgħu nużaw basktijiet u boroż tad-drapp, għax dawn nistgħu nerġgħu nużawhom għand tal-ħwienet ħafna drabi.
Wara rajna flimkien l-episodju ta’ Peppa Pig tirriċikla.
* Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-vidjow.

It-tfal tgħallmu dwar il-proċess tar-reċiklaġġ.

Bnejna ċart ta’ azzjonijiet li l-bniedem jagħmel id-dinja kuntenta u ta’ azzjonijiet oħra li l-bniedem jagħmel id-dinja mdejqa.




It-tfal pinġew dinja kuntenta u dinja mdejqa. Lid-dinja mdejqa waħlulha stikka għaliex għandha ‘mimmi’, u issa se jgħaddilha peress li kulħadd qed jgħinha.





Innotajt li t-tfal issa huma konxji tal-proċess tar-riċiklaġġ, u qed jitolbu l-approvazzjoni f'liema kontenitur għandhom jarmu l-iskart tagħhom.
Inżommu l-baħar nadif - Kinder 1.3
Waqt il-lezzjoni tax-Xjenza it-tfal tal-Kinder tgħallmu dwar x'jiġri meta l-baħar ikun ikkontaminat bit-tniġġiż li nikkawżaw aħna stess.

Niddiskutu dwar il-baħar u l-kreaturi li jgħixu fih.

Peress li ħafna mit-tfal tal-klassi tagħna għandhom dgħajsa, iddiskutejna dwar kemm hu sabiħ li tmur dawra fuq il-baħar għall-arja friska.
Għalkemm aħna nieħdu gost meta mmorru dawra bid-dgħajsa, tajjeb li nżommu f'moħħna li ħafna kreaturi tal-baħar qed imutu kawża tat-żejt li joħroġ mid-dgħajsa.

Huwa fundamentali li ma narmux skart fil-baħar jew narmuh bl-addoċċ għax dan jista' jinġarr mal-maltemp u jispiċċa fil-baħar.


Waqt dil-lezzjoni it-tfal setgħu jaraw eżempju ċar ta' x'jikkawża l-inkwinament.
F’din l-attività it-tfal tgħallmu kemm hu importanti li nżommu l-baħar nadif u li ma narmux skart, bħall-plastik u materjal ieħor fil-bajjiet tagħna.

Peress li s-sajf magħna, kulħadd iħobb imur il-baħar. F’din il-lezzjoni aħna tkellimna kif għandna nsalvaw il-fkieren billi ma narmux plastik ġol-baħar.
Tarmix plastik ġol-baħar ħalli nsalvaw il-fkieren!
Kinder 1.9

Bdejna din il-lezzjoni billi rajna stampa ta’ fekruna u stampa ta’ brama u t-tfal saru jafu li l-fekruna tiekol il-bram. Imbgħad komplejna billi rajna stampa ta’ baħar nadif u baħar maħmuġ.

Hawnhekk it-tfal ġew konxji u bdew jgħidu illi ma jieħdux gost jgħumu f’baħar maħmuġ, b’hekk setgħu iħossu minn xiex tgħaddi il-fekruna. Wara it-tfal raw stampa ta’ brama u stampa ta’ borża tal-plastik ġol-baħar u tgħallimna li l-fekruna il-plastik taħsbu brama u b’hekk tiekol il-plastik. It-tfal tgħallmu illi ħafna mill-frieken iweġġgħu u jistgħu imutu ħabba l-plastik.


It-tfal tgħallmu ukoll, illi meta jkunu qegħdin ħdejn il-baħar, u jkollhom xi skart jarmuh fil-bins apposta u ma jarmuhx ġol-baħar.

Wara komplejna billi għamilna ċart u sabiex nuru kemm hu importanti li ma nħammġux il-baħar ħalli nsalvaw il-fkieren li jgħixu ġo fih.

Morning Assembly
L-istudenti tal-5.3 tkellimu dwar kemm hu importanti li nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna. Huma ddiskutew dwar il-ħsara li qed tiġi kkaġunata ll-baħar u l-ħlejjaq li jgħixu fih. Waqt l-assembly ssemmew xi punti li wieħed jista' jagħmel sabiex nippruvaw nibdew innaqsu xi ftit mill-ħsara li qed nagħmlu lill-ambjent.
Permess ta’ kanzunetta komplejna nenfasizzaw li jekk se nkomplu nagħmlu l-ħsara lill-ambjent, inkunu qed neqirdu lilna nfusna.



Morning Assembly
L-istudenti li jattendu n-Nurture Class ingħaqdu flimkien sabiex jagħmlu Morning Assembly bit-tema Tniġġiż fil-Baħar li tagħmel parti ukoll mill-programm Life Skills. L-istudenti saru iktar konxji dwar l-użu eċċessiv tal-plastik, ir-rimi bl-addoċċ tal-iskart, kif ukoll tal-problema tat-tniġġiż fil-baħar.

Morning Assembly
Reduce, Reuse, Recycle
L-istudenti tal-klassi 6.1 wettqu diversi attivitajiet bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tas-separazzjoni tal-iskart sabiex jiġi imħares l-ambjent ta’ madwarna.
Saru tliet attivitajiet marbutin ma’ din it-tema:
-
L-istudenti għamlu oġġetti utli minn materjal reċiklat: karus mill-fliexken ta plastik, pencil holder minn bottijiet tal-ikel użati u saħansitra logħba tal-futbol minn kaxxa ta' pizza. (għal aktar informazzjoni ara l-powerpoint presentation)
-
Permezz ta’ tpingijiet differenti bit-tema Reduce, Reuse u Recycle, l-istudenti setgħu jifhmu eżatt x’jinvolvi l-proċess tas-separazzjoni tal-iskart: kif għandu jintlaħaq l-għan ewlieni sabiex jitnaqqas l-użu ta’ materjal żejjed li ma jkollniex bżonn, fejn imbagħad nagħmlu użu minn oġġetti li jistgħu jerġgħu jintużaw bħal basktijiet tad-drapp u kontenituri tal-ikel. (għal aktar informazzjoni ara l-powerpoint presentation)
-
Waqt Special Assembly, il-klassi tagħna ippreżentat reċta fuq il-palk tal-iskola tagħna sabiex inqajmu kuxjenza dwar l-importanza li nisseparaw l-iskart li nkunu ħloqna aħna stess u nitfgħuh fil-kontenituri rispettivi. Din ir-reċta tiddeskrivi grupp ta' ħbieb li kienu qed jagħmlu piknik. Malli lestew mill-piknik, waħda mil-ħbieb qajmet il-punt li għandu jitnaddaf l-iskart li nħoloq waqt il-piknik u jiġi sseparat l-iskart fl-4 kontenituri disponibbli sabiex jiġi assigurat li l-ambjent nadif se jitħalla nadif u jiġi rrispettat.


* Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-powerpoint.
* Agħfas fuq ir-ritratt biex tara l-islide show.
Insalvaw id-Dinja Tagħna - Kinder 1.6
It-tfal tal-Kinder 1.6 tgħallmu dwar l-importanza li nħarsu l-ambjent. Permezz tat-tuff tray it-tfal setgħu jaraw partijiet differenti li jikkostitwixxu d-dinja tagħna.
It-tfal, flimkien mal-għalliema, bnew 3 strutturi: l-annimali fl-abitat naturali tagħhom, igawdu arja nadifa u nieqsa minn kull tniġġis; bini eċċessiv li joħnoq u jirriduċi l-abitat tal-annimali u ta' spazji miftuħa li jistgħu jitgawdew mill-familji; baħar imniġġeż b'kull forma ta' skart li jintrema kuljum ġo fih.
Minn din il-lezzjoni it-tfal fehmu kemm hu neċessarju li ma nħammġux l-ambjent ta' madwarna.

Mawra sa Marsaxlokk
L-istudenti tal-ħames sena marru sa Marsaxlokk sabiex iwettqu fieldwork relatat mal-Istudju Soċjali. L-istudenti ġibdu l-attenzjoni lill-għalliem li kien hemm borża sewda f'wiċċ l-ilma. L-għalliem minnufih mar jitlob kopp lil wieħed mis-sajjieda li kien jinsab fil-qrib sabiex jiġbor il-borża.



Proġett li jinvolvi l-iskola kollha
Dis-sena ħsibna li niffukaw biex noħorġu b'ideat ġodda sabiex intejbu s-sitwazzjoni tal-ibħra tagħna. Xtaqna li nwasslu l-messaġġ dwar in-neċessità assoluta li titnaqqas il-ħela. Iżda rrealizzajna li ma nistgħux inkunu aħna kaġun ta' aktar ħela. Għal daqstant ridna nsibu mezz biex inwasslu messaġġ lill-komunità mingħajr ma nkomplu nagħmlu użu mill-karti. Irrealizzajna li anki aħna noħolqu skart ġdid minn ħafna oġġetti li nużaw fil-ħajja tagħna ta' kuljum u b'hekk inkomplu nikkaġunaw ħsara lill-ambjent.
Li nkunu konxji tal-ħela u r-riperkussjonijiet tal-għażliet tagħna hi ħaġa verament fundamentali. Għal daqstant il-Kumitat EkoSkola ħareġ bl-idea li fi żmien il-Milied it-tfal tal-iskola kollha jagħmlu kartolini b'messaġġ b'saħħtu dwar it-tniġġiż tal-baħar, sabiex wara jiġu mpustati fid-djar tan-nies. Il-klassijiet tal-kinder ħasbu li jagħmlu powster kull klassi sabiex jitwaħħal fil-vetrini tal-ħwienet.
Il-kumitat EkoSkola iddiskuta mal-għalliema tal-arti Ms. Margot Sammut dwar kif nistgħu nwasslu messaġġ mingħajr ma nagħmlu użu minn karti ġodda jew riċiklati peress li ridna noħolqu kartolini b'messaġġ b'saħħtu waqt żmien il-Milied. Ms. Margot mhux talli tatna ideat tajbin talli daħlet għall-proġett b'ruħha u ġisimha. Hi ħadet ħsieb li tibni l-proċess tal-karta sa mill-bidu nett waqt il-lezzjonijiet tal-arti. It-tfal ħadu esperjenza ta kif isir il-proċess tal-karta. Huma qattgħu karti użati u bil-għajnuna ta' ftit ilma u paċenza għamluha pulp. Intuża biss ftit ilma u forma magħmula minn affarijiet li kienu ukoll għar-rimi sabiex tkun tista' tinġabar lega ta' pulp li minn gol-ilma tingħafas forma ta' karta li wara titħalla sabiex tinxef. It-tfal setgħu jirrealizzaw li dal-proċess jieħu ħafna ħin. Fil-hajja nsibu ħafna affarijiet li nixtru mill-ħanut anki bi ftit flus u xi kultant neħlu bl-addoċċ. Bil-ħila tal-proċess ta' kif isir il-karta t-tfal saru iktar konxji tal-importanza li nibżgħu għall-affarijiet li jkollna. Meta wieħed japprezza li kull oġġett li nixtru jrid ħafna xogħol, materjal u sagrifiċċju biex jinħadem, tinħoloq iktar kuxjenza favur l-ambjent.
Meta tlestew il-kartolini, inkiteb messaġġ fuqhom. It-tfal tal-iskola ħarġu flimkien mal-għalliema sabiex jimpustawhom fid-djar tan-nies. Xi tfal oħrajn ħarġu meta kien hemm il-monti u setgħu jispjegaw lil min taw il-kartolina, li minnha nnifisha kienet ġa messaġġ b'saħħtu, dwar il-proċess ta' kif issir il-karta u l-importanza li nibżgħu għal kull ma jkollna u nagħmlu użu minnu sew u fit-tul qabel jintrema.
* Agħfas fuq ir-ritratt biex tara r-ritratti.
* Agħfas fuq ir-ritratt biex tara r-ritratti.
Kompetizzjoni tal-Karnival
Il-Kumitat EkoSkola ħareġ bl-idea li din is-sena nħeġġu 'l-istudenti sabiex jagħmlu karru tal-karnival flimkien mal-ġenituri li jevidenzja l-ħsara li ssir lill-kreaturi marini ħabba t-tniġġiż.
Il-kumitat għażel l-iktar karru sinjifikattiv sabiex jikkwalifika fl-ewwel post.
* Agħfas fuq l-istampa biex tara r-ritratti.
* Agħfas fuq il-ħuta biex tara r-ritratti.
Il-klassi tas-6.1, flimkien mal-għalliema tal-Arti Ms. Margot Sammut u Ms. Rosita Attard, membru tal-kumitat, għamlu karru kbir f'forma ta' ħuta, twila xi tliet metri, mimlija biċċiet tal-plastik riċiklati. Permezz ta' din l-attività l-istudenti tas-sitt sena setgħu jempatizzaw ħafna mat-tbagħtija kbira li jgħaddu minnha l-ħut li jkunu qed jibilgħu skart li l-istonku tagħhom ma jiddiġerixxix bil-konsegwenza li jmutu.
L-istudenti ħarġu sal-monti jduru bil-ħuta sabiex iwasslu dal-messaġġ lill-pubbliku:
Il-baħar, il-baħar
Ejjew nibżgħu għalih
Minħabba, minħabba
Il-ħut li jgħix ġo fih!
Morning Assembly
L-istudenti tal-klassi 3.3 għamlu Morning Assembly fejn riedu jqajmu kuxjenza rigward ir-rimi ta' skart mal-art.
Grupp ta’ studenti qed jistennew il-vann tal-iskola
Student 1 qed jistenna il-vann, joħroġ il-bottle mill-basket tal-iskola biex jixrob. Xħin il-flixkun ikun vojt jarmih mal-art.
* Agħfas fuq ir-ritratt biex tara r-ritratti.
Student 2: Shamyzion mhux aħjar tiġbor dak il-flixkun u tieħdu d-dar forsi terġa tużah?
Student 1: X’hiex dan jew? Dan mgħaffeġ ta! Dan uża u armi!
Student 3: Allura ħudu miegħek d-dar u itfgħu fil-borża tar-reċiklaġġ. Jekk se tarmih hawn, se tħammeġ l-ambjent.
Student 4: Jew jispiċċa fil-baħar!
Student 1: Illaħwa kemm se tagħmlu għaġeb! Jispiċċa fil-baħar minn hawn! Mela ġo Ħaż-Żebbuġ hawn xi xtajta min jismagħkom.
Student 5: Sieħbi, il-plastik huwa materjal ħafif ħafna u bir-riħ jew bl-ilma tax-xita’ malajr jinġarr...
Student 6: U jsib ruħu fil-baħar li għandna madwar il-gżira tagħna.
Student 1: Veru! minn daqshekk għandkom raġun. Imma ngħid jien xi ħsara jista’ jagħmel dal-flixkun? Dan mhux tal-ħġieġ jew tal-landa ħadd ma jista’ jweġġa’ bih.
Student 7 (għasfur): Ehh kemm għandek żball! Aħna l-għasafar mhux l-ewwel darba li nkunu qed intiru fuq il-baħar, ninżlu b’ħeffa biex naqbdu xi ħuta u minflok ninqabdu ġo xi koċċ plastik li jkun qed jgħum fil-wiċċ.
Student 8 (għasfur): Mela! Tiktakar seħibna Tiku miskin meta bela’ tapp tal-plastik u ma setax jieħu nifs!
Students 9 (fekruna): U xi ngħidu għal boroż tal-plastik li jkunu qed jgħumu fil-baħar! Lanqas irrid inġib quddiem għajnejja kemm bagħtiet ommi meta belgħet borża tal-plastik. Jaħasra dik ħasbitha brama bħal ma nieklu s-soltu! Imma xħin indunat li ma kinitx l-ikla tas-soltu kien tard wisq!
Student 10 (ħuta): Flixkien bħal dawn tal-plastik, maż-żmien jitfarrku f’biċċiet żgħar u jinxterdu mal-baħar kollu. Ftit minn dawn il-biċċiet jinżlu sal-qiegħ nett tal-baħar.
Student 11 (ħuta): U mhux l-ewwel darba li kilna xi biċċa plastik għax naħsbuha xi ħuta żgħira.
Student 12 (ħuta): Intom tafu kemm hu sustanzjuż il-ħut għalikom il-bnedmin. Issa jekk xi ħuta bħali tkun belgħet xi biċċiet tal-plastik, u din tipiċċa fil-platt tagħkom, minflok ma tkunu qed tieklu xi ħaġa sustanzjuża, tkunu qed tieklu l-plastik intom ukoll!
Student 13 (granċ): Jekk intom tixtiequ li tarawna ngħixu ferħanin u tgawdu baħar nadif hemm ftit affarijiet li jeħtieġ li tagħmlu.
Student 14 (Naqqas): Meta tmorru tixtru, jekk hu possibbli għażlu prodotti li mhumiex ippakjati fil-plastik. U meta tmorru għand tal-ħaxix dejjem tista’ tieħu basket tad-drapp miegħek u timla’ fih, minflok tuża ruxmata boroż tal-plastik.
Student 15 (Erġa Uża): Agħmel użu minn kontenituri li tista’ terġa’ tuża’. Eżempju: bottle għall-iskola aħjar ikun magħmul minn materjal li jista’ jinħasel u jerġa’ jintuża għal ħafna drabi milli jkun magħmul minn plastik li jintuża darba biss.
Student 16 (Irreċikla): Il-plastik huwa wieħed mill-materjali li jista’ jiġi irreċiklat. Kont taf li mill-plastik irreċiklat jistgħu jagħmlu ħwejjeġ, toothbrushes, blalen tat-tennis u ħafna affarijiet oħra.
Student 17 (Aħseb): Qabel tixtri xi ħaġa, aħseb kemm jista’ jservik. Jekk għandek bżonn basket biex tieħu x-xirja lejn id-dar, liema wieħed huwa l-aktar b’saħħtu u se jservik għal aktar żmien mingħajr ma jagħmel ħsara lill-ambjent, tal-plastik jew tad-drapp?
Student 18 (Għid LE): Jekk xi ħadd joffrilek straw tal-plastik biex tixrob tazza ilma jew luminata, tgħallem ieqaf u għid LE. Xorta waħda taqta’ l-għatx jekk tixrob mit-tazza.
Student 1: Jien se nieħu dawn il-pariri u intom?
Donna l-Fekruna
Dis-sena addottajna fekruna li ġiet salvata mill-baħar mill-Wildlife Rescue nhar id-29 ta' Settembru 2019. Kienu sabulha żewġt isnanar.

Bħala parti mill-proġett tal-Għid, il-klassi tas-6.1, flimkien mal-għalliema tal-Arti Ms. Margot Sammut u Ms. Rosita Attard, kienu bdew jagħmlu fekruna bl-użu ta' materjal reċiklat. Kien wasal iż-żmien li Donna (żammejna l-istess isem tal-fekruna li addottajna) titwieled imma sfortunatament malli tibda ħierġa mill-bajda ssib ruħha mdawra bil-plastik u l-ewwel kelma li għajtet tkun NOOOOO!!!
Nota: Dan hu l-mudell ta' kif kienet se tiġi meta tkun lesta kieku ma kellniex nieqfu ħesrem ħabba l-Covid-19.